DiscoverEU
Bħalissa mhux jintlaqgħu applikazzjonijiet. L-applikazzjonijiet jinfetħu darbtejn fis-sena: fir-rebbiegħa u fil-ħarifa. Żomm għajnejk fuq dan l-ispazju sabiex tkun tista’ tapplika malli jkun il-waqt!
Għandek 18-il sena u int resident(a) ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE jew ta’ pajjiżi terzi assoċjati mal-Erasmus+? Ipprepara ruħek biex tesplora l-Ewropa!
X’inhi d-DiscoverEU?
Id-DiscoverEU hi azzjoni tal-programm Erasmus+ li toffrilek l-opportunità li tesplora d-diversità tal-Ewropa, titgħallem dwar il-wirt kulturali u l-istorja tagħha, u tagħmel kuntatt ma’ nies minn madwar il-kontinent.
Tingħata pass tas-safar u tivvjaġġa l-aktar bil-ferrovija. Sir af x’inhuma r-regoli għal min jgħix fil-gżejjer jew fi nħawi mbegħdin.
Jekk tintgħażel, tirċievi Kard Ewropea taż-Żgħażagħ tad-DiscoverEU li biha tikseb ħafna skontijiet fuq żjarat kulturali, attivitajiet ta’ tagħlim, sport, trasport lokali, akkomodazzjoni, u ikel.
Kif taħdem is-sistema?
Biex tkun eliġibbli, trid tissodisfa dawn il-kriterji:
- ikollok mill-inqas 18-il sena fl-ewwel jum tal-perjodu tal-ivvjaġġar;
- iddaħħal in-numru korrett tal-karta tal-identità (ID), tal-passaport, jew tal-karta tar-residenza fuq il-formola tal-applikazzjoni online;
- tkun ċittadin jew resident* ta’ wieħed mill-pajjiżi li ġejjin:
- wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (PTEE), jew
- wieħed mill-pajjiżi terzi assoċjati mal-programm tal-Erasmus+: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja, u t-Turkija.
* Għal aktar informazzjoni ara t-taqsima tar-Regoli “2. Applikanti eliġibbli”
Imbagħad, trid tipparteċipa fi kwiżż (sakemm ma tapplikax bħala membru ta’ grupp).
Jekk għandek diżabbiltà jew problema ta’ saħħa li jagħmluhielek diffiċli biex issiefer, noffrulek assistenza u sostenn. Agħti daqqa t’għajn lill-FAQ C.13 tagħna biex issir taf aktar.
Nista’ nivvjaġġa ma’ sħabi?
Iva, tista’! Tista’ tivvjaġġa waħdek jew ma’ sa 4 iħbieb dment li jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà msemmijin hawn fuq. Sħabek, imbagħad, jużaw il-kodiċi tal-applikazzjoni tiegħek biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom. Agħti daqqa t’għajn lill-FAQs minn B.5 sa B.11 tagħna biex issir taf aktar.
Tista’ wkoll tikkombina l-pjanijiet tal-ivvjaġġar tiegħek ma’ dawk ta’ vjaġġaturi oħrajn tad-DiscoverEU! Il-Grupp tad-DiscoverEU fuq il-Facebook hu pjattaforma tajba biex tagħmel dan. Ingħaqad mal-Grupp issa biex tiċċettja ma’ parteċipanti oħrajn.
Ladarba tintgħażel, l-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ jgħinuk tagħmel il-kuntatti meħtieġa u ssir taf xi trid tagħmel permezz ta’ laqgħat formali u informali għall-parteċipanti qabel it-tluq.
Aqsam l-esperjenzi tiegħek ma’ ħaddieħor
Il-parteċipanti magħżulin awtomatikament isiru Ambaxxaturi tad-DiscoverEU. Bħala ambaxxatur, nistednuk taqsam l-esperjenzi tal-ivvjaġġar tiegħek fuq il-midja soċjali billi tuża #DiscoverEU. Tista’ anki tiddeċiedi li tagħti preżentazzjoni fl-iskola tiegħek jew fil-komunità lokali tiegħek.
Nixtieq inkun naf aktar!
Interessat(a) tkun taf dwar l-edizzjonijiet preċedenti? Agħti daqqa t’għajn lill-iskedi informattivi tad-DiscoverEU biex tiskopri aktar dwar l-azzjoni u l-esperjenzi ta’ xi wħud mill-vjaġġaturi żgħażagħ tad-DiscoverEU.
L-Ewropa qed tistenniek. Agħmel l-ewwel pass.
Video ta’ Vincent-Immanuel Herr, parti mill-inizjattiva TedX, li għandu jispirak